Il-faqar enerġetiku

Innaqqsu l-faqar enerġetiku

Fil-qafas tal-2030 tal-Patt tas-Sindki (PtS) fl-Ewropa, flimkien mal-azzjoni meħuda għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għall-effetti tiegħu li ma jistgħux jiġu evitati, il-firmatarji kkommettew ruħhom li jipprovdu aċċess għal enerġija sigura, sostenibbli u affordabbli għal kulħadd. Fil-kuntest Ewropew dan ifisser it-teħid ta’ azzjoni biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku. Billi jnaqqsu l-faqar enerġetiku, il-firmatarji tal-Patt jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħhom u joħolqu soċjetà iktar ġusta u inklużiva

X’inhu l-faqar enerġetiku?

Il-faqar enerġetiku jista’ jiġi definit bħala:

in-nuqqas ta’ abilità li wieħed jirrealizza l-kapaċitajiet essenzjali bħala riżultat dirett jew indirett ta’ aċċess insuffiċjenti għal servizzi ta’ enerġija affordabbli, affidabbli u siguri, u filwaqt li jittieħed kont tal-mezzi alternattivi raġonevoli disponibbli biex jiġu realizzati dawk il-kapaċitajiet.

R.Day , G.Walker, N.Simcock, Conceptualising energy use and energy poverty using a capabilities framework, Energy Policy 93 (2016)

F’termini prattiċi dan ifisser li ċ-ċittadini vulnerabbli jew ma jkollhomx aċċess għas-servizzi enerġetiċi jew l-użu ta’ dawn is-servizzi enerġetiċi jnaqqasl il-possibilità tagħhom li jaċċessaw servizzi bażiċi oħra. Meta wieħed jiġi effettwat mill-faqar enerġetiku dan jista’ jkollu implikazzjonijiet severi fuq is-saħħa, il-benesseri, l-inklużjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja. L-unitajiet domestiċi enerġetikament foqra jesperjenzaw livelli mhux adegwati ta’ ċertu servizzi enerġetiċi essenzjali, bħad-dawl, it-tisħin/tkessiħ, l-użu tat-tagħmir tad-dar, it-trasport u ħafna oħra. Għal din ir-raġuni, il-faqar enerġetiku jrid jiġi kkunsidrat f’diversi oqsma ta’ politika – li jinkludu l-politiki soċjali, ekonomiċi u, ovvjament, dawk klimatiċi u ambjentali.

L-isfida tal-faqar enerġetiku fl-Ewropa

Il-faqar enerġetiku hija kwistjoni kumplessa u mhux faċli biex wieħed jistima kemm il-livell kurrenti tal-faqar enerġetiku fil-muniċipalitajiet Ewropej kif ukoll l-impatti fuq il-ħajja taċ-ċittadini. Huwa stmat li 1 minn kull 10 ċittadini huma affettwati mill-faqar enerġetiku. Il-figuri juru li fl-Ewropa:

57 miljun persuna ma jistgħux isaħħnu darhom fix-xitwa [1]

104 miljun persuna ma jistgħux iżommu darhom komda matul is-sajf [1]

52 miljun persuna jkollhom jistennew biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom [1]

10 miljun persuna jkollhom jimxu għal iktar minn 30 minuta biex jaċċessaw il-faċilitajiet tat-trasport pubbliku [2]

[1] https://www.energypoverty.eu/  [2] http://www.docutren.com/pdf/boletin/[IIIA%201440].pdf

L-għarfien dwar il-faqar enerġetiku qed jikber fl-Ewropa u ġie identifikat bħala prijorità ta’ politika minn numru ta’ istituzzjonijiet tal-UE, notevolment fil-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea 'Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha'. Bħala parti mill-isforz tal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-faqar enerġetiku madwar il-pajjiżi tal-UE, fl-2018 inħoloq l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE (EPOV). Il-EPOV jeżisti biex itejjeb il-kejl, il-monitoraġġ u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki fuq il-faqar enerġetiku. Aktar informazzjoni dwar l-EPOV tista’ tinsab hawnhekk.

Il- Patt tas-Sindki Ewropew u l-EPOV qed jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku. . Dawn iż-żewġ inizjattivi mill-Kummissjoni Ewropea, se jsostnu l-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa fl-isforz tagħhom biex inaqqsu l-faqar enerġetiku permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien u r-riżorsi għall-bini tal-kapaċitajiet lokali.

Għal aktar informazzjoni, ara l- Fuljett dwar il-Faqar Enerġetiku tagħna